Anthony Portelli twieled fis-sena li fiha n-nisa f’Malta ngħataw id-dritt li jivvutaw. Is-sena li fiha ttella’ għall-ewwel darba d-dramm A Streetcar Named Desire. Is-sena li fiha ngħataw l-ewwel Tony Awards. L-1947. Twieled San Pawl il-Baħar dan l-ewwel tifel ta’ Victor u Maria. Studja l-Ingilterra u tħarreġ fil-kitba tad-drama l-MTADA.
Kitba ta’ Leanne Ellul.
Għandek imnejn lil Portelli ma tafux minn wiċċu, għax bħala kittieb tad-drammi iżjed kont issibu wara l-kwinti. Imma hemm ċans kbir li smajt bir-rebħiet tiegħu fil-Konkors Francis Ebejer. Jew forsi rajt jew smajt l-istess xogħlijiet rebbieħa. Fl-2001 rebaħ b’Ħajja mill-Ġdid. Dakinhar il-ġurija kienet kitbet li ta’ Portelli huwa “… xogħol immaġinattiv” u li Portelli ilaqqa’ tajjeb ħafna “ir-realiżmu u l-espressjoniżmu”. Skonthom, huwa “dramm qawwi li jitlob attenzjoni sħiħa mill-udjenza bi climax mhux prevedibbli.” Ħafna minn dawn il-kwalitajiet huma evidenti f’xogħlijiet oħrajn tiegħu. Fl-istess konkors, fl-2011, ġie fit-tieni post bir-radjudramm Kiesaħ u Biered u fl-2012 ġie fit-tieni post, bid-dramm Lippu d-Doggie. Drammi notevoli oħrajn huma Il-Borg Pisani u Ċella Nru 5. Kiteb anke għat-televiżjoni — xogħlijiet qosra bħal Chalì, Rikba bla Ħlas u L-Invażjoni Bdiet u xogħlijiet itwal bħat-teledramm Ħelsien.
Fil-programm tad-dramm Maskra tal-Imħabba, li ttella’ fl-1989, Portelli kien ikkummenta dwar karattri li xi wħud minnhom huma “fittizji u f’sitwazzjonijiet li kultant huma immaġinarja” u li “għandhom konflitti personali kbar għaliex maħkuma mill-imħabba jew jinqdew bl-imħabba.” Hawnhekk ma nistax ma niftakarx f’S.O.F.I.E., speċjalment meta jkompli jistaqsi: “… kemm jiflaħ jissaporti l-bniedem meta jsib ruħu taħt pressjoni kbira ta’ biża’ jew theddid? Sa fejn jasal meta jinħakem mill-għatx tal-vendetta? Fejn hu t-tarf li jifred in-normalità mill-ġenn jew mill-bluha?”
Dawn il-mistoqsijiet jibqgħu jidwuli. Għax l-istejjer ta’ Portelli hekk ukoll: ħielsa, għatxana, liminali. Mimlijin ħajja, anke meta mhux qed jittellgħu fuq il-palk. Dawk ta’ fuq il-palk mimlija moviment, kemm bl-azzjoni u kemm bil-kliem, imma dawk ta’ fuq il-karta xejn inqas. F’Innuendo (Merlin Publishers, 2019), ġabra ta’ Anthony Portelli u Antoinette Borg jinġemgħu s-sigrieti, l-istramberiji u l-irreverenzi li forsi ma nistennewx minn kittieb veteran fil-kitba. Portelli jazzarda u jaħsdek meta l-inqas tistenna. Kull darba li qrajt storja minn tiegħu ssorprendietni mhux biss minħabba l-ħila fil-kitba imma t-tematika jew l-angolu li minnu jħares lejn it-tema.
Ngħidu aħna nkitbu ħafna stejjer fuq adulterji u omiċidji, imma l-istejjer ta’ Portelli xorta fihom laqta differenti. Hawnhekk nerġa’ niftakar f’S.O.F.I.E. Fil-fatt, kif rajt li Sofie (jew 50FIE) hija robot, moħħi ġera wkoll f’The Creator ta’ Guðrún Eva Mínervudóttir u Klara and the Sun ta’ Kazuo Ishiguro. Spiss tiġrili li nimraħ inqabbel xogħlijiet differenti flimkien. Dawn iż-żewġ rumanzi nkitbu fl-2013 u fl-2021, rispettivament. Ta’ Portelli, jaqa’ xi mkien bejniethom. S.O.F.I.E. inkitbet fl-2015, u rebħet il-kompetizzjoni Francis Ebejer Studio tal-2025. Ittellgħet f’Novembru tal-istess sena bħala kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel, Teatru Malta, u Spazju Kreattiv bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Diġà xi ħaġa speċjali li t-Teatru Manoel itella’ dramm bil-Malti — għalkemm xogħol Portelli mhux ġdid għat-tali teatru — u iżjed u iżjed kummiedja. Jingħad li iktar faċli tbikki, milli ddaħħaq. U terġa’, jidhirli, li mhux lakemm iddaħħaq bi premessa bħal din. Għax S.O.F.I.E. huwa dramm li jmiss mat-temi tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali u ma jdaħħaqx bid-daqqiet biċ-ċatt u t-tixjir tal-idejn. Hemm minn dawn ukoll, imma fejn hu lokhom. U meta taħseb li d-dramm se jkun primarjament komiku u doċli, jibda jaħsdek b’kummenti ta’ natura soċjali u emottiva. Kif tikkummenta Rachel, bint Portelli: “L-ewwel xogħlijiet tiegħu kienu ispirati minn karattri storiċi, imma l-gost tiegħu kien li jesplora l-umanità ta’ dawn il-karattri. Il-futur u l-possibiltajiet li jaf joħloq il-bniedem kienu sors ieħor ta’ ispirazzjoni għal drammi bħal No More Pickled Onions, Best before End u l-aktar reċenti S.O.F.I.E.”.
Sofie tfakkarni ftit fid-deskrizzjoni ta’ Carmelina f’“Dat-twerżiq kollu …”:
“Carmelina dehret ferħana. Wiċċha sbejjaħ, qisu ta’ tifla, ħa l-kulur, u għajnejha kbar u kannella skuri dehru jleqqu aktar mis-soltu.” B’differenza minn Carmelina, Sofie ma ġietx Malta miċ-Ċina biex tiżżewweġ, imma daqstant ieħor kellha rwol importanti. Kien hemm mumenti fid-dramm meta ħsibtni se nibqa’ bla tweġiba: Għaliex Thomas ma semmiex li Jasmine tixbah lil Sofie jew għaliex tixbahha? Imma r-risposta malajr ħadtha. Hawnhekk għandi nifhem li ntiseġ xogħol Josette Ciappara, id-direttriċi tad-dramm. Meta kellimt lil Ciappara, qaltli li x-xogħol ta’ Portelli joffrilha “xogħol kreattiv u viżjonarju li … jiżvolġi b’sengħa ta’ lingwa mexxejja.” Żiedet li “għandu sens ta’ umoriżmu fih daqskemm għandu ħila joħloq karattri u sitwazzjonijiet serji.”
Jidhirli li t-tim kollu kien magħqud ferm biex iwassal il-komiku u s-serju f’S.O.F.I.E. Mill-atturi sa tal-kostumi, sal-mużika u s-sett. Minn fost l-atturi kollha, spikkatli ħafna Sarah Vella. Ili nafha minn dak iż-żmien meta jiena wkoll kont niżfen u nkanta u nirreċta. Minn dejjem laqtitni bħala artista ta’ ħila u l-interpretazzjoni tagħa ta’ robot kienet b’saħħitha sew. Fuq kollox, kellha tagħmilha ta’ iżjed minn Sofie waħda. Hawn toħroġ l-intelliġenza ta’ S.O.F.I.E. Kemm il-pupa-robot u kemm id-dramm.
Xi ftit jew wisq kif jiġrili kull meta nara episodju ta’ Black Mirror; nirrealizza li ċerta teknoloġija mhix tal-futur, imma ta’ issa u forsi wkoll diġà saret tal-bieraħ. Sofie tissorprendik mhux biss għax tagħmel dak li xi wħud minnha lanqas biss jimmaġinaw (bħal jitgħallmu dizzjunarju sħiħ) imma wkoll għax tibda tagħraf tkun siekta, meta għandha titkellem u kif għandha taġixxi. Sofie tirrifletti u aħna, bħala udjenza, nirriflettu wkoll.
Għalkemm lil Portelli qatt ma niftakar li kellimtu fit-tul – ħlief forsi meta darba ltqajna għal kors ta’ kitba tad-drammi organizzati mill-Kunsill Malti għall-Arti – dejjem laqatni bħala osservatur sieket (bħal Sofie!) imma wkoll metikoluż u inċiżiv li lil hinn mill-kwinti, l-immaġinazzjoni tiegħu timraħ bil-kbir. Nimmaġinah jara S.O.F.I.E. u japprova x-xogħol li sar bi tbissima siekta. Bintu, Rachel, tikkonferma li “Anthony kien bniedem ta’ ftit kliem. Kien affaxxinat bil-fraġilità tal-bniedem u sa fejn kapaċi jasal meta tqiegħdu f’sitwazjonijiet estremi, xi kultant anki bi tmiem li jinħass skomdu.” Spiss jiġri l-iskiet ma narawhx bħala preġju, nissottovalutawh, jekk mhux ukoll nikkunsidrawh bħala dgħufija. Meta nħares lejn kittieb bħal Portelli, nagħraf kemm hu preġju. Għalhekk, kif temmet tgħidli Ciappara: “Il-kitba tiegħu għandha tiġi studjata sew għax fiha ispirazzjoni, profondità u ħsieb … li jiddistingwih sew minn kittieba oħrajn.”
Captions
Minn Ċella Numru 5 (Joe Pace, Charles Grech) Ritratt Joe P. Smith
Minn No More Pickled Onions (Rachel Portelli, Shirley Blake, Chris Gruppetta) Ritratt Joe Cortis
Minn Best Before End (Anthony Ellul, Chris Gruppetta, Alan Fenech) Ritratt Mario Mintoff
Minn Ċella Numru 5 (Peter Galea, Michael Sciortino) Ritratt Joe P. Smith









