Issa jiena minn dejjem kont ngħaddi minn dal-post fi Triq Mountbatten jew jien u sejra l-Belt, jew għal xi qadja fil-viċin, jew biex immur sal-ħanut tal-kotba Merlin. Dal-post, jiġifieri l-uffiċċju Merlin. Min qatt kellu jgħidli min jimraħ fil-kmamar ta’ dik li darba kienet dar u mbagħad saret il-qalba ta’ Merlin Publishers? Nidħol hemmhekk xi darba fl-2013. Mistħija, rasi baxxuta, kemxejn imgerrxa. Insib jilqgħuni wċuħ imdawlin u tbissim ġeneruż. Din il-familja Merlin: Chris, Rachel, Beatrice u l-bqija tat-tim. Fuq kollox, Arthur. Miġbur għalih mal-kompjuter fil-kamra ta’ wara, fir-rokna tal-lemin maġenb tieqa kbira tnixxi d-dawl, itektek u jaħseb, joħlom u jħażżeż. Iqum minn mal-kompjuter, jimxi sa ħdejja u jeħodli b’idi. L-għafsa ta’ idu setgħet kienet tgħanniqa mill-kbar.

Kitba ta’ Leanne Ellul.

Lil Arthur ma nistax ngħid li kont nafu ħafna, imma mill-ftit li aftu u mill-ħafna stejjer li qrajt u smajt dwaru nafu bħala raġel fuq l-irġiel. Arthur kien raġel tal-familja u wkoll raġel li ġedded kumpanija ta’ suċċess. Kien iħobb il-ktieb b’ġenwinità kbira, ħadem qatigħ għalih, u qatgħa bi snienu kemm felaħ għall-industrija tal-kotba Maltin, speċjalment dawk tat-tfal. Imma dawn deskrizzjonijiet u aġġettivi li smajniehom kemm-il darba. U allura llum se nagħżillu aġġettivi kemxejn differenti.

Riskjuż

Il-Merlin beda fl-1964, meta omm Arthur, Marie Gruppetta, fetħet il-Merlin Library. Bħal nimmaġinah ġuvni pulit ’il Arthur, iqalleb il-paġni bil-galbu, bir-riħa tal-ktieb tinfed imnifsejh u maż-żmien tiġbdu iżjed lejha. Maż-żmien, Arthur, li beda l-karriera tiegħu bħala għalliem, ma baqax jgħallem u ħa t-tmexxija Merlin f’idejh. Dan l-ewwel riskju. Kif mis-sigurtà ta’ xogħol bħal dak ta’ għalliem, tasal tibda tmexxi negozju. Arthur, baqa’ jieħu riskju wara ieħor. Dak iż-żmien, kemm il-ħanut u kemm-il pubblikazzjonijiet kellhom l-istess isem. Riskju ieħor mill-kbar: Il-fergħa tal-pubblikazzjoni, taha l-isem Merlin Publishers. Skont Chris Gruppetta, ibnu, “lill-papà kienu l-ħin kollu jgħidulu li ekonomikament bħala kumpanija kien jaqbillu ferm iżjed jimporta u jbigħ kotba barranin … riskju ferm inferjuri għar-riskju li tippubblika.” Kien investiment iżda li ħalla impatt qawwi u li baqa’ jinħass.

Ħalliemi

Arthur baqa’ dejjem joħlom. Bħal tifel li jrid jiskopri iżjed. Kien l-ewwel pubblikatur li ħareġ ktieb għat-tfal bil-Malti fl-1971 – Fra Mudest ta’ Charles Casha. Fin-nuqqas ta’ aġenti letterarji f’pajjiżna, ma nistax ma naħsibx f’Arthur b’dan il-mod: kien hu li beda l-karriera ta’ diversi kittieba li għadhom jiktbu sal-lum. Ma’ Chris niddiskuti dan l-aspett u jgħidli li “f’suq ta’ pubblikazzjoni kważi ineżistenti (dak tat-tfal qed ngħidu), kien attivament jagħti opportunità lil awturi ġodda” … għax dakinhar nies bħal Charles ma kien għadu jaf bihom ħadd! Kien joħlom għad-dinja tal-ktieb u l-qari bħal ħadd qatt qabel. Chris jirrakkuntali li fl-aħħar tas-snin 80 kien nefaq mhux ftit biex xtara l-ewwel sistema kompluta ta’ graphic design Mac biex il-Merlin setgħu jibdew jieħdu ħsieb id-disinn huma stess. Trid tkun ħalliemi mill-kbar biex f’dak iż-żmien timmaġina xi ħaġa kompletament innovattiva bħal din.

Imbagħad hemm Trevor Żahra. Il-ħbieb tal-qalb ħalliema li anke isimhom jirrima. Fl-1972, il-Merlin ippubblika l-ewwel ktieb ta’ Trevor – L-Għar tax-Xelter. Trevor irrimarkali li “Arthur ma kienx jippubblikali l-kotba sempliċement bħala intrapriża ta’ negozju, imma fuq kollox għax kien jemmen fihom u jaqrahom bil-ħerqa u bl-entużjażmu ta’ tifel żgħir.”

Simpatiku

Ta’ kull sena, fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, nidħol mill-bieb ewlieni u ngħarrex għall-istand Merlin. U għal Arthur. Kont nieħu gost wisq insellimlu, ngħidu kelma … Il-Festival kien jagħtih enerġija lil Arthur, u Arthur kien jagħti enerġija lill-Festival. Mingħajr il-Merlin u Arthur, għalija l-Festival ikollu xi ħaġa nieqsa. Niftakarni li kont fraħt mhux ftit meta ntbaħt li z-zija tal-mamà – Maria Stella Abela – u hu kienu ħbieb. M’għandix għax niskanta għax it-tnejn kienu għalliema u t-tnejn kienu jħobbu l-kotba. U kont nogħxa ta’ kull sena narahom jiltaqgħu mill-ġdid. Hemmhekk, u ġieli l-quddiesa tan-Nażżarenu ta’ Tas-Sliema. F’għajnejja kien riżervat u umli imma fuq kollox simpatiku. Jiġbdek lejh u jtik li tkellmu. Imbagħad qatt ma ninsa t-tbissima tiegħu u ta’ martu Beatrice, waqt xi tnedija. Kienet tkun tislima ta’ ħajr imma anke ħbiberija. Fehima ta’ apprezzament mit-tnejn li aħna li qegħdin hemmhekk, għax mhux kulħadd iħobb il-ktieb bħalna u mhux kulħadd imur għat-tnedijiet, anke jekk tal-Merlin speċjalissimi. Ibnu, Chris, jikkonfermali li minn dejjem kien jagħmel l-affarijiet kollha essenzjalissimi, bħal jara li l-kotba qegħdin fuq il-post u hemm biżżejjed minnhom, imma dejjem jibqa’ wara l-kwinti. Chris ikompli jgħidli kif meta ppubblikaw Sepja ta’ Trevor Żahra, hu kien marid u kellu jintroduċi s-serata Arthur! Dakinhar, mid-dehra, Arthur tassew li qal kelmtejn biss. Kelmtejn, imma li xorta ġibdu l-udjenza.

Ġeneruż

Qabel ma sirt nafu jiena, naturalment saru jafuh it-tant kittieba li ppubblika. Saret tafu Clare Azzopardi li kienet hi li introduċietni mal-Merlin. Meta kellmitni dwaru qaltli: “Kont dejjem nismagħhom isejħulu s-Sur Art. Kienet taffaxxinani din li l-ħaddiema jsejħulu hekk. Kont ngħid, għaliex mhux is-Sur Gruppetta jew mhux is-Sur Arthur? Iktar ma sirt nafu iktar bdejt nifhem li din in-nomenklatura kienet perfetta għalih; dal-ġentlom ta’ bla titli u bla ebda pretensjonijiet … ta’ qalb tajba u li ma jippretendihiex.”

Arthur kien ġeneruż bl-investimenti tiegħu u b’ħinu, bi mħabbtu għal ta’ madwaru – familja u ħbieb – u l-ktieb. Kien generuż pereżempju bit-workbooks. Trevor jiftakar b’għożża kif din li tikteb fuq ktieb tal-iskola kienet idea ġdida għal Malta u mhux kulħadd kien lest jappoġġjaha. Imma skont Trevor, Arthur emmen fl-idea mill-ewwel u daħal għaliha b’qalbu kollha. Ġeneruż, Arthur, u biex il-prezz tal-kotba ma jiġix għoli żżejjed, Trevor jgħidli li ddeċidew li l-kitba jaħdimha bil-letter transfers …” Eventwalment, il-proġett komplieh ma’ Clare u Clare komplietu miegħi. Fiċ-ċokon tiegħi nħossni midjuna lejn dak il-mument li fih Arthur u Trevor ftiehmu fuq din l-idea!

Maġiku

Bla dubju li mal-mewt ta’ Arthur intilfet abra maġija li kienet timla ħajjet kull min mess miegħu. Il-maġija ma kinitx biss fl-isem Merlin – magħżul minn ċertu Lolly Tonna b’referenza għal Arthur stess u minħabba li missier Arthur kien jagħmel il-maġija – imma f’kull ktieb Merlin li sab ruħu, u għadu jsib ruħu, f’idejna.

Kisbiet maġiċi, forsi imma li naf li ma waqgħux mis-sema. Min kellu jgħidli l-kotba kollha tal-Ladybird li kont naqra ta’ tliet snin u naqra, kieku introdotti lokalment u bil-Malti minn Arthur? Sa dakinhar li Arthur iddeċieda li jinvesti fihom, dal-kotba ma kinux għamlu xi suċċess hawn Malta. Imma meta mess magħhom Arthur, il-folja nqalbet. Arthur kellu viżjoni u mhux ta’ b’xejn li kien iżur tant fieri sabiex jaġġorna ruħu u jġib kotba isbaħ u aħjar fis-suq tagħna. Darba kien ukoll ħolom li jippubblika dizzjunarju għat-tfal u l-istudenti. Kien ħadem fuqu Mario Serracino Inglott u d-dizzjunarju ħa l-ħajja fil-Millenju – dizzjunarju li ħadem mill-ġdid fuqu Dwayne Ellul u li sal-lum għadu jintuża u jiġi mfittex bil-kbir. Id-dar, għal kopja għandi tnejn jew tlieta u l-paġni tagħhom kollha xhieda ta’ kemm-il darba qallibthom.

Ġgant

Arthur ħalliena ta’ 81 sena. Chris itemm jgħidli li meta tiġi wara ġgant bħalma kien il-papà tiegħu, mhix faċli … “Imma dak hu s-sabiħ fl-istess ħin, li taf li qed tipprova tkompli tibni fuq monument bħalma ħadem fuqu l-papà tul ħajtu għall-ktieb Malti.” Kollha kemm aħna midjuna lejn Arthur bil-mod tagħna. Min għax għalih kien missier, min għax għalih kien l-aqwa ħabib, min għax tah tant kotba x’jaqra li altrimenti ma kinux jaslu f’idejh. Għalija, il-konsolazzjoni tinsab fil-kotba li jibqgħu jġorru l-ispirtu maġiku ta’ Arthur fis-skiet tal-paġni li jieħdu l-ħajja malli jinqraw.

Captions

1 Arthur jingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (2018) – ritratt: Jason Borg
2 Waqt it-tnedija tal-proġett Il-Ktieb Teżor – pakkett kotba b’xejn għat-trabi (2007)
3 Arthur ma’ martu Beatrice (circa 1971)
4 Arthur, Beatrice, Chris u Rachel waqt it-tnedija tas-sensiela Senduq (2005)
5 Arthur flimkien ma’ Beatrice u uliedu Chris u Stephen (2024) – ritratt: Giola Cassar

A NEW SEASON OF CREATIVITY AT SPAZJU KREATTIVSpazju Kreattiv

A NEW SEASON OF CREATIVITY AT SPAZJU KREATTIV

August 25, 2026
LET’S GO FLY A KITEMinistry for Gozo

LET’S GO FLY A KITE

September 22, 2026
CELEBRATING EXCELLENCEArts Council Malta

CELEBRATING EXCELLENCE

August 7, 2026