Il-letteratura minn dejjem kienet mera tal-biżgħat u l-mistoqsijiet ta’ żmienha. F’Irjus is-Sriep – it-thriller politiku ġdid ta’ Joe Pace ppubblikat minn Merlin Publishers – il-poter, il-fidi u l-intelliġenza artifiċjali jiltaqgħu f’viżjoni disturbanti ta’ futur li kulma jmur qed jinħass iktar viċin.

Irjus is-Sriep huwa s-sequel tant mistenni ta’ Papa Aħmed, finalist għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Pace jerġa’ jġib lura l-karattru kontroversjali tal-Papa Emeritu Massimo Falzon – l-ewwel Papa Malti, li għażel ‘Aħmed’ bħala l-isem pontifikali tiegħu.

Wara l-esperjenza tiegħu bħala Papa Aħmed, Massimo Falzon qed jgħix f’eżilju f’Kemmuna, fil-kwiet u lil hinn mill-ħajja pubblika – sakemm jinħataf b’mod vjolenti u jittieħed fi kwartieri sigrieti midfuna fid-deżerti tal-Jemen. Minn hemm ’il quddiem, ir-rumanz jinbidel fi vjaġġ bla nifs f’dinja mibnija fuq il-qerq u l-kontroll: b’tankijiet ikkamuffati bħala blat, drones qattiela li jissorveljaw kollox u kullimkien, u forza intelliġenti inviżibbli determinata li taħkem id-dinja.

Hekk kif Massimo jsib ruħu pupazz f’nofs dan il-pjan globali, jeħtieġlu jinnaviga bejn ħbiberiji, tradimenti u ambigwitajiet morali. Bħalma ġara f’Papa Aħmed, l-ivvjaġġar ta’ Massimo jieħu wkoll xejra fantastika fejn isib ruħu ħabta u sabta jivvjaġġa lura fiż-żmien għal eluf ta’ snin ilu, u b’hekk jittrasporta lill-qarrej fuq medda ta’ sekli ta’ esperjenza umana misjuqa mill-kunflitt u mill-kuxjenza. Fost eki bibliċi, mir-rakkont ta’ David u Urija sa taħt is-salib ta’ Kristu, ir-rumanz jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi kumplessi tal-poter ma jappartjenux għal żmien jew poplu wieħed biss.

Pace jgħid li ried ikompli jesplora l-karattru ta’ Papa Aħmed u jagħtih “forma u sugu u dimensjoni umana”. F’dan it-tieni ktieb jesplora wkoll il-gwerer antiki u ġodda, u min jistgħu jkunu l-ħakkiema futuri tagħna: dawk li nafu bihom u dawk li għadhom ma jidhrux. “X’armi se jużaw? Qed nagħtuhom il-munizzjon aħna stess b’kull klikk u like? Gwerra li ttul deċenni nistgħu xi darba nfiqu minnha? U x’inhu l-prezz li rridu nħallsu għall-iżbalji tal-passat?”

Irjus is-Sriep jgħaqqad l-azzjoni ma’ riflessjoni fuq il-fraġilità tal-verità fi żmien iddominat mit-teknoloġija, is-sorveljanza u influwenzi inviżibbli. F’dan l-isfond, il-ktieb iqajjem mistoqsija inkwetanti: meta l-poter ikun kullimkien, jibqa’ xi ħadd responsabbli?

 

Joe Pace, awtur u artist tat-teatru Malti, huwa magħruf għall-ħila tiegħu li jgħaqqad it-tensjoni narrattiva mar-riflessjoni spiritwali fi stejjer profondament umani. Ir-rumanz tiegħu Papa Aħmed laqat lill-qarrejja bl-oriġinalità u l-intensità tiegħu, u stabbilixxa lil Pace bħala vuċi distinta fil-letteratura kontemporanja Maltija.
Ippreżentat b’qoxra minn idejn l-artist Pierre Portelli – b’dehra viżiva li ssammrek daqs l-istorja nnifisha – Irjus is-Sriep huwa rumanz addattat għal min iħobb thrillers li mhux biss jiddevertu imma jisfidaw ukoll.

Irjus is-Sriep jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba ewlenin kollha jew online minn www.merlinpublishers.com.