Merlin Publishers għadhom kif ippubblikaw Pinzellati, il-ġabra straordinarja ġdida mill-pinna ta’ Trevor Żahra
Fix-xena kulturali Maltija, ftit huma l-vuċijiet letterarji li jidwu b’tant saħħa daqs ta’ Trevor Żahra. Għalkemm ħafna jafu xogħlu jikber magħhom sa mit-tfulija, leħnu jibqa’ frisk u relevanti, hekk kif qatt ma jieqaf jisfida lilu nnifsu u jidħol għal proġetti letterarji u artistiċi ġodda. Din id-darba, l-awtur veteran reġa’ ssorprenda lil kulħadd b’viżjoni artistika ġdida li tisfida l-limiti tal-kreattività u d-dixxiplina personali.
Merlin Publishers għadhom kif ippubblikaw Pinzellati, il-ġabra straordinarja ġdida li hi l-frott ta’ esperiment letterarju liema bħalu: sena sħiħa li matulha Żahra impenja ruħu li jikteb xi ħaġa kuljum preċett, jiġri x’jiġri, bla ebda eċċezzjoni. Ir-riżultat huwa kollezzjoni voluminuża ta’ mijiet ta’ kitbiet – fosthom stejjer, aneddoti u riflessjonijiet – li juru d-dixxiplina, id-dedikazzjoni, u l-firxa kreattiva ta’ wieħed mill-aktar awturi ċelebri ta’ Malta.
“Dawn il-kitbiet, ħafna minhom novelli, huma eżerċizzju ta’ dixxiplina… sena sħiħa li matulha żammejt il-wegħda miegħi nnifsi, li nikteb kuljum!” jispjega Żahra. “Kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, kuljum xgħelt il-kompjuter u għaddast rasi nikteb. Fl-arti tal-kitba hemm aktar dixxiplina milli muża; aktar rieda soda milli ispirazzjoni.”
Il-kollezzjoni tesplora temi u narrattivi diversi, marbutin flimkien b’ħajta komuni: is-sorpriżi tal-ħajja u t-triqat misterjużi li tista’ tieħu l-eżistenza tagħna, ħafna minnhom sforz il-kumbinazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi. Il-kitbiet jimirħu minn stejjer dwar karattri li jippruvaw jikkontrollaw id-destin tagħhom iżda isibu li l-ħajja għandha pjanijiet oħra, sa stejjer li jiżvelaw l-indikazzjonijiet sottili li tibgħatilna l-ħajja u li spiss ma nagħtux kashom. B’hekk Pinzellati joffri lill-qarrejja mużajk stupend tal-esperjenza umana mfassal u mwassal mill-vuċi distintiva ta’ Żahra.
Tul il-karriera straordinarja tiegħu Żahra kiteb u illustra ‘l fuq minn 130 ktieb, mifruxin ma’ kull ġeneru u immirati għal kull età ta’ qarrejja. Rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb xejn inqas minn 18-il darba, u diversi kotba minn tiegħu ġew tradotti u ppubblikati f’lingwi u pajjiżi oħra.
Bħal diversi kotba oħra ta’ Żahra, Pinzellati nħareġ b’qoxra iebsa, u għalkemm fih ’il fuq minn 700 paġna, ġie stampat fuq karta apposta biex jibqa’ komdu fl-idejn. Il-qoxra, xogħol l-artist Pierre Portelli, tuża kuluri vibranti u l-idea ta’ moviment fluwidu biex tirrappreżenta l-espressjoni kreattiva ħielsa. Isem l-awtur ma jidhirx fuq il-qoxra ta’ quddiem; jidhru biss l-inizjali TŻ, biżżejjed biex jintgħaraf li huwa xogħol l-awtur li m’għandu bżonn ebda introduzzjoni mal-qarrejja Maltin.
Pinzellati mhuwiex biss żieda sinifikanti oħra mal-ħidma letterarja impressjonanti ta’ Żahra, imma wkoll xhieda tal-qawwa tad-dixxiplina u l-impenn fil-proċess kreattiv. Bih ifakkarna li l-arti vera ma taqax mis-sema fil-forma ta’ żjara mill-muża, imma tirrikjedi dedikazzjoni, perseveranza u prattika sfiqa.
Pinzellati jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online minn www.merlinpublishers.com.



